Ħarsa ħafifa lejn l-EBA

Min aħna?

L-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA) hija Awtorità indipendenti tal-UE li twaqqfet fl-2011, wara l-Kriżi Finanzjarja l-Kbira. Il-kompiti ewlenin tagħna huma li nistabbilixxu regoli konsistenti għall-banek tal-UE, niżguraw kundizzjonijiet ekwi, u nissalvagwardjaw il-konsumaturi tas-servizzi finanzjarji. L-objettiv ġenerali tagħna huwa li nikkontribwixxu għall-istabbiltà finanzjarja fl-UE.

Xi nwettqu?

Ir-rwol tagħna huwa li ntejbu l-funzjonament tas-suq intern billi niżguraw superviżjoni u regolamentazzjoni Ewropea xierqa, effiċjenti u armonizzati. L-awtoritajiet superviżorji nazzjonali huma responsabbli għas-superviżjoni ta’ istituzzjonijiet finanzjarji individwali.

Aħna nwettqu dan billi niżguraw li l-banek Ewropej isegwu l-istess ġabra regolatorja unifikata. Dan jinkludi investigazzjonijiet ta’ ksur possibbli. Nikkontribwixxu għall-protezzjoni tad-depożitanti, tal-investituri u tal-konsumaturi. Inħeġġu prattiki superviżorji konsistenti u nivvalutaw ir-riskji fis-settur bankarju tal-UE. L-EBA timmedja wkoll it-tilwim u tagħti pariri lill-istituzzjonijiet tal-UE.

L-EBA tiżviluppa u żżomm il-Ġabra Unika Ewropea tar-Regoli għall-banek tal-UE permezz tal-adozzjoni ta’ Standards Tekniċi u Linji Gwida vinkolanti. Il-Ġabra Unika tar-Regoli għandha l-għan li tipprovdi sett uniku ta’ regoli prudenzjali armonizzati għall-istituzzjonijiet finanzjarji fl-UE kollha. Nippromwovu l-konverġenza tal-prattiki superviżorji biex niżguraw applikazzjoni armonizzata tar-regoli prudenzjali.

Il-mandat tagħna jirrikjedi wkoll li nivvalutaw ir-riskji u l-vulnerabbiltajiet fis-settur bankarju tal-UE permezz ta’ rapporti regolari ta’ valutazzjoni tar-riskju u testijiet tal-istress pan-Ewropej.

Kompiti oħra jinkludu l-investigazzjoni tal-applikazzjoni insuffiċjenti tal-liġi tal-UE mill-awtoritajiet nazzjonali, it-teħid ta’ deċiżjonijiet f’sitwazzjonijiet ta’ emerġenza, il-medjazzjoni ta’ nuqqas ta’ qbil bejn l-awtoritajiet kompetenti f’sitwazzjonijiet transfruntiera u l-azzjoni bħala korp konsultattiv indipendenti għall-Parlament Ewropew, il-Kunsill jew il-Kummissjoni Ewropea.

Id-dinja tal-finanzi qed tinbidel u l-EBA qed tadatta għal din il-bidla billi tħaddan u tippromwovi finanzi sostenibbli u innovazzjoni finanzjarja. Aħna naħdmu biex innaqqsu r-riskji mit-tibdil fil-klima u ngħinu b’fatturi ambjentali, soċjali u ta’ governanza (ESG) usa’, filwaqt li nappoġġaw it-tranżizzjoni tas-sistema bankarja u finanzjarja lejn ekonomija aktar sostenibbli. L-EBA tiddefendi dawn il-valuri internament billi topera b’mod sostenibbli.

Reċentement, l-EBA ngħatat responsabbiltajiet ġodda ta’ sorveljanza u superviżjoni fl-oqsma tat-teknoloġija tal-komunikazzjoni tal-informazzjoni, il-forniment ta’ servizz lil partijiet terzi u l-ħruġ ta’ tokens irreferenzjati ma’ assi u ta’ flus elettroniċi. Dan huwa rifless fil-kuntest tal-Att dwar ir-Reżiljenza Diġitali u Operazzjonali (DORA) u r-Regolament dwar is-Swieq fil-Kriptoassi (MiCAR).

Li nżommu liċ-ċittadini tal-UE aġġornati dwar il-ħidma tagħna bil-lingwa tagħhom stess jinsab fil-qalba ta’ dak li niddefendu. Inħaddnu t-trasparenza permezz tal-pubblikazzjoni ta’ Linji Gwida, standards tekniċi, sommarji eżekuttivi tal-programmi ta’ ħidma, u rapporti annwali. Kollha huma disponibbli fl-24 lingwa uffiċjali tal-UE.

Naħdmu mill-qrib mal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u korpi u aġenziji oħra tal-UE, inklużi l-Kummissjoni Ewropea (KE), l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA), l-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol (EIOPA), il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE), il-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (BERS), u l-Kumitat ta’ Basel dwar is-Superviżjoni Bankarja (BCBS).

Kif aħna organizzati?

L-EBA titmexxa minn President u minn Direttur Eżekuttiv. Għandna żewġ korpi governattivi ewlenin: il-Bord tas-Superviżuri, li jieħu deċiżjonijiet ta’ politika, u l-Bord Maniġerjali, li jissorvelja l-ħidma tagħna. Il-Bord tas-Superviżuri huwa l-korp deċiżjonali ewlieni tal-Awtorità. Huwa jieħu d-deċiżjonijiet ta’ politika kollha tal-EBA, bħall-adozzjoni ta’ abbozzi ta’ Standards Tekniċi, Linji Gwida, Opinjonijiet u Rapporti.

Ir-rwol tal-Bord Maniġerjali huwa li jiżgura li l-Awtorità twettaq il-missjoni tagħha u twettaq il-kompiti assenjati lilha. F’dan ir-rigward, hija fdata bis-setgħa li tipproponi, fost affarijiet oħra, il-programm ta’ ħidma annwali, il-baġit annwali, il-pjan ta’ politika tal-persunal u r-rapport annwali.

L-EBA hija organizzata f’erba’ Dipartimenti, 18-il Unità u għandha persunal ta’ madwar 250 persuna.

Tixtieq tingħaqad magħna?

Minn esperti ta’ politika u analisti tad-data għal speċjalisti tal-komunikazzjoni u ħafna profili oħra, kulħadd jista’ jkollu rwol importanti fit-twettiq tal-missjoni tagħna. L-EBA toffri salarji kompetittivi, ambjent tax-xogħol impenjattiv u bilanċ tajjeb bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, b’benefiċċji addizzjonali għall-impjegati bit-tfal u sigħat tax-xogħol flessibbli.Aħna noffru wkoll traineeships lill-gradwati tal-università, fil-bidu tal-karriera professjonali tagħhom.